Leġiżlazzjoni
Il-karattru multilingwi tal-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha huwa garantit mir-Regolament tal-Kunsill 1/58, li fl-Artikolu 1 tiegħu jistipula li l-lingwi uffiċjali tal-UE huma dawk tal-Istati Membri. Oriġinarjament, meta l-UE kienet għadha l-Komunità Ekonomika Ewropea, kienu msemmija biss 4 lingwa, iżda b’kull ċiklu ta’ tkabbir żdiedu lingwi oħra:
“Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu l-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.”.
Madankollu, b’mod usa', ir-rispett għad-diversità lingwistika huwa valur fundamentali tal-UE, bħalma huwa r-rispett għall-persuna u l-ftuħ lejn kulturi oħra. Dan huwa inkorporat fil-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jsemmi li dawn il-valuri huma “ispirati mill-wirt kulturali, reliġjuż u umanista tal-Ewropa [...] li jikkonfermaw ir-rabta tagħhom mal-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem”. Fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tingħata importanza kbira lir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u n-nondiskriminazzjoni, filwaqt li l-Artikolu 3 jiddikjara li l-UE “għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha”.
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, adottata fl-2000 u li saret legalment vinkolanti bit-Trattat ta’ Lisbona, tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa (l-Artikolu 21) u timponi lill-Unjoni r-rispett tad-diversità lingwistika (Artikolu 22).
Fin-NU hemm 6 lingwi ta’ ħidma – l-Għarbi, iċ-Ċiniż, l-Ingliż, il-Franċiż, ir-Russu u l-Ispanjol.
Il-politika tal-multilingwiżmu tan-NU
L-organizzazzjonijiet tal-IAMDLAP* adottaw ukoll test dwar il-multilingwiżmu, imsejjaħ id-dikjarazzjoni ta’ Vjenna.
F’termini ta’ drittijiet tal-awtur u l-protezzjoni tal-“proprjetà intellettwali”, il-prestazzjoni tal-interpreti tal-konferenzi, ladarba tiġi rreġistrata u ppreservata, hi protetta bil-liġi internazzjonali. Il-Konvenzjoni ta’ Berna tipprovdi protezzjoni għall-interessi tal-awturi; it-traduzzjonijiet huma protetti bħala xogħlijiet oriġinali u t-tradutturi huma protetti bħala awturi. Meta tkun stabbilita f’forma materjali, tkun xi tkun in-natura tagħha, il-prestazzjoni tal-interpretu tal-konferenzi ssir traduzzjoni fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Berne u d-drittijiet esklużivi previsti fil-Konvenzjoni japplikaw għall-awtur. (sors: AIIC)
* L-IAMLADP (Laqgħa Annwali Internazzjonali dwar l-Arranġamenti tal-Lingwa, id-Dokumentazzjoni u l-Pubblikazzjonijiet) hija forum internazzjonali u network ta’ managers ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jimpjegaw fornituri ta’ servizzi tal-konferenzi u l-lingwi, imsejħa taħt il-patroċinju tan-NU, iżda li jinkludu l-istituzzjonijiet Ewropej.
Standards Professjonali u Etika
L-Organizzazzjonijiet Internazzjonali, inklużi l-istituzzjonijiet tal-UE, għandhom proċeduri ta’ akkreditazzjoni stretti kemm għall-istaff kif ukoll għall-interpreti freelance biex jiżguraw li l-kwalità tal-interpretazzjoni tkun garantita.
Id-DĠ Interpretazzjoni għandu ftehim (“il-Ftehim”) mal-istaff ta’ interpreti permanenti u temporanji tiegħu li jistabbilixxi r-regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Għandu wkoll ftehim separat (“La Convention”) mal-interpreti freelance tiegħu.
L-istandards professjonali u l-etika jkopru ħafna aspetti differenti. Dawn huma ftit minnhom imsemmija f’silta mid-dokument tad-DĠ Interpretazzjoni dwar l-etika:
1) ħidma f’tim: ix-xogħol ta’ interpretu huwa individwali, iżda jista’ jkun ta’ kwalità għolja biss jekk il-membri kollha tat-tim jiffunzjonaw tajjeb u jkun hemm sforz organizzat ta’ tim. Dan jirreferi għat-tim żgħir li jaqsam kabina u għat-tim akbar li jaħdem flimkien f’laqgħa. Għandna dejjem inqisu l-kollegi b’rispett u kunsiderazzjoni, u dan japplika wkoll għas-superjuri u l-klijenti tagħna. Ir-rispett ifisser rispett mhux biss għall-persuna iżda wkoll għall-ħin u l-ispazju tagħha.
2) għoti ta’ għajnuna: l-għajnuna lill-kollegi hija wkoll estremament importanti u hija forma ta’ arti fiha nnifisha, peress li jeħtieġ li nkunu nafu eżattament meta u kif għandna noffru l-għajnuna. M’għandniex nisfurzaw l-għajnuna tagħna fuq il-kollegi jew inħossuna offiżi jekk dawn ma jużawx l-għajnuna tagħna. Li tkun taf li l-għajnuna hi disponibbli jekk ikun hemm bżonnha, tista’ tkun l-għajnuna kollha meħtieġa. Bl-istess mod, huwa għaqli li l-kollegi jkunu jafu x’tip ta’ għajnuna nixtiequ nirċievu, b’mod partikolari jekk inħossu li mhux qed inkunu megħjuna b’mod xieraq.
3) relay: ir-rispett għall-kollegi f’kabini oħra għandu jittraduċi ruħu f’użu xieraq tal-buttuna tar-relay, jew il-kanal B, jiġifieri niżguraw li nirrilaxxaw il-buttuna tar-relay wara li nagħmlu retour biex nilliberaw il-kanal għall-kabina tal-lingwa A, jew ma “nisirqux” il-kanal minn kabina li tkun qed tipprova tipprovdi retour.
4) preparazzjoni għal-laqgħa: wieħed mill-aktar dmirijiet importanti tagħna bħala interpreti huwa li nippreparaw tajjeb u b’mod sistematiku għal-laqgħat kollha assenjati lilna. Aktar ma nkunu nafu dwar is-suġġett, l-isfond u t-terminoloġija ta’ laqgħa, aktar se nagħtu prestazzjoni tajba fil-kabina. Il-preparazzjoni bir-reqqa tieħu l-ħin u titlob sforz, iżda hija assolutament essenzjali biex nilħqu l-għan ewlieni tagħna: interpretazzjoni ta’ kwalità.
Peress li l-laqgħat qed isiru dejjem aktar speċjalizzati u teknikament kumplessi, il-preparazzjoni tal-laqgħat kultant tista’ tkun sfida fiha nnifisha, iżda żgur li tkun tiswa u tikkontribwixxi biex tinżamm ir-reputazzjoni tagħna għall-kwalità.
5) kunfidenzjalità tad-dokumenti: id-dokumenti distribwiti b’mod elettroniku qabel il-laqgħa, kif ukoll id-dokumenti stampati disponibbli fil-kabini, għandhom ikunu protetti kif xieraq anke jekk dokument partikolari jkun diġà ġie ppubblikat f’ċirkostanzi oħrajn. L-interpreti għandhom jevitaw li jħallu kopji barra mill-kabina jew li jittrażmettu verżjonijiet elettroniċi barra min-networks protetti tal-UE. Għandhom jevitaw l-ikkupjar jew id-distribuzzjoni tad-dokumenti bla bżonn u japplikaw il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”.
Video dwar l-imġiba professjonali fil-kabina
L-assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Interpreti tal-Konferenzi (AIIC) hija meqjusa bħala garanti tal-kwalità u tal-istandards – inklużi l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Is-sħubija fl-AIIC issir permezz ta’ evalwazzjoni bejn il-pari u sistema ta’ sponsorizzazzjoni. Il-membri tal-AIIC jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw il-kodiċi stretti tagħhom tal-istandards professjonali u tal-etika.
Standards tal-ISO dwar l-interpretazzjoni
Id-DĠ Interpretazzjoni kien involut fl-istandards kollha relatati mal-interpretazzjoni (minbarra dak dwar l-interpretazzjoni tal-komunità (13611) li ġie vvutata qabel ma sar involut fl-ISO). Attendejna l-laqgħat tal-ISO bi status ta’ kollegament (bħala esperti mingħajr id-dritt li nivvutaw peress li l-kumitati nazzjonali tal-pajjiżi biss jistgħu jivvutaw) iżda nistgħu nitkellmu fil-laqgħat u ninfluwenzawhom.
L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) bħalissa qed tiddiskuti standard speċifiku dwar l-interpretazzjoni tal-konferenzi, diskussjonijiet li fihom qed jipparteċipa wkoll id-DĠ Interpretazzjoni.
F’termini ġenerali hemm standard tal-ISO dwar is-servizzi ta’ interpretazzjoni; ISO 188841: Servizzi tal-interpretazzjoni - Rekwiżiti u rakkomandazzjonijiet ġenerali.
Id-DĠ Interpretazzjoni dejjem jirrispetta l-istandards tal-ISO, minkejja li l-istituzzjonijiet Ewropej mhumiex soġġetti għal ċertifikazzjoni.
Standards Tekniċi
Id-DĠ Interpretazzjoni jgħin ukoll jiżviluppa u jaderixxi ma’ standards tekniċi avvanzati (inklużi l-istandards tal-ISO)