Skip to main content
Knowledge Centre on Interpretation

Interpretazzjoni Simultanja

Xi tkun l-interpretazzjoni simultanja ? X’tinvolvi?

Interpretazzjoni simultanja

Din hija deskrizzjoni qasira ħafna tal-interpretazzjoni simultanja għal min għadu qed jibda jiskopri s-suġġett, u ma tippretendix li tkopri kollox. Hemm numru kbir ta’ kotba li nkitbu dwar is-suġġett, fejn tista’ ssib informazzjoni aktar dettaljata.

L-interpretazzjoni simultanja hija mod ta’ interpretazzjoni fejn il-kelliem jagħmel diskors u l-interpretu jifformula mill-ġdid id-diskors f’lingwa li l-udjenza tiegħu tifhem fl-istess ħin (jew simultanjament). L-interpreti simultanji jaħdmu f’kabina tal-interpretazzjoni (għalkemm jistgħu jkunu qed jużaw ukoll bidule (tagħmir għall-interpretazzjoni li jista’ jinġarr mingħajr kabina) jew tpespis (chuchotage).

Il-ħiliet kollha msemmija fl-interpretazzjoni konsekuttiva japplikaw għall-interpretazzjoni simultanja.

It-tliet azzjonijiet prinċipali huma essenzjalment l-istess:

1) isma’ b’mod attiv (ifhem)

2) analizza (struttura l-messaġġ)

3) irriproduċi (ikkomunika)

Id-differenza fl-interpretazzjoni konsekuttiva hija li fl-interpretazzjoni simultanja dawn l-affarijiet kollha jridu jseħħu fl-istess ħin (jew simultanjament).

Dan ifisser li minbarra l-ħiliet elenkati fl-interpretazzjoni konsekuttiva – jiġifieri, mod speċjali kif wieħed jisma’, jipprijoritizza l-informazzjoni u jiddistingwi bejn informazzjoni primarja u sekondarja, l-attivazzjoni ta’ memorja għal żmien qasir, il-komunikazzjoni, eċċ. – interpretu simultanju tajjeb għandu jkun jista’ jantiċipa dak li jista’ jgħid il-kelliem (speċjalment meta l-lingwa mitkellma mill-kelliem ikollha struttura sintattika differenti ħafna minn dik li qed tiġi interpretata fiha). Il-kapaċità li wieħed jibqa’ kalm taħt pressjoni, u li jkun reżiljenti għall-istress hija saħansitra wkoll aktar meħtieġa fl-interpretazzjoni simultanja.

Il-lingwa attiva tal-interpretu tkun ukoll taħt aktar pressjoni fl-iinterpretazzjoni simultanja, peress li l-interpretu jkun qed jitkellem fl-istess ħin li jisma’ u janalizza. Għalhekk il-ħtieġa għal ħiliet eċċellenti fil-lingwa materna jew fil-lingwa attiva hija saħansitra wkoll aktar importanti hawnhekk milli fl-interpretazzjoni konsekuttiva. Il-possibbiltà ta’ “interferenza” mil-lingwa passiva (mismugħa) għal-lingwa attiva (mitkellma) hija wkoll akbar fl-interpretazzjoni simultanja, u għalhekk l-interpreti jridu jagħtu aktar attenzjoni lill-output tagħhom. Dan jista’ jfisser li wieħed jitbiegħed mis-sintassi oriġinali, jaqta’ sentenzi twal f’sentenzi qosra u jevita “ħbieb foloz”.

Dan jispjega għaliex l-interpreti apprendisti jitgħallmu l-ewwel l-interpretazzjoni konsekuttiva, peress li huwa hemm li jitgħallmu l-ħiliet ewlenin meħtieġa għall-interpretazzjoni. L-interpretazzjoni simultanja tuża l-istess ħiliet eżatti iżda b’xi saffi miżjuda ta’ kumplessità u diffikultà.

Jeħtieġ li wieħed jitgħallem kull waħda minn dawn il-ħiliet differenti. M’intix interpretu sempliċement għax taf titkellem aktar minn lingwa waħda; hija ħafna iktar kumplessa minn hekk. Hemm għadd kbir ta’ universitajiet li joffru korsijiet fl-interpretazzjoni tal-konferenzi.

Għall-interpretazzjoni simultanja hemm għadd tajjeb ta’ riżorsi elenkati (mhux eżawrjenti) fuq din il-pjattaforma wkoll:

Repożitorju tad-Diskors (għal diskorsi ta’ prattika)

Materjal ta’ taħriġ tad-DĠ Interpretazzjoni

ORCIT

 

 

 

 

 

 

Give feedback on this page

mandatory field