Skip to main content
Knowledge Centre on Interpretation

Spjegazzjoni ta’ tipi oħra ta’ interpretazzjoni

Interpretazzjoni użata f’ambjenti oħra

Tipi oħra ta’ interpretazzjoni

Din it-taqsima għandha l-għan li tipprovdi post fejn jiltaqgħu t-tipi ta’ interpretazzjoni li mhumiex l-interpretazzjoni tal-konferenzi. Jeżistu ħafna tipi differenti ta’ interpretazzjoni li jaqblu mal-ħtiġijiet ta’ ambjenti speċifiċi bħal fil-qasam tal-kura tas-saħħa, tas-servizzi tal-pulizija jew taż-żoni ta’ kunflitt. Din il-pjattaforma tixtieq tikkonċentra fl-ewwel fażi fuq tipi li huma kkunsidrati ta’ importanza prattika li qed tikber f’xenarju politiku mibdul. Matul dawn l-aħħar snin, iż-żieda fil-mobilità u fil-migrazzjoni wasslu għal domanda ogħla b’mod partikolari għall-interpreti kwalifikati fis-servizzi pubbliċi nazzjonali u reġjonali. Il-kopertura tal-ħtiġijiet ta’ interpretazzjoni kwalitattiva f’kuntesti legali kienet ta’ sfida wkoll. Dawn it-tipi ta’ interpretazzjoni huma l-ewwel u qabel kollox il-kompetenza tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, din il-pjattaforma tista’ tgħin biex tiffaċilita d-diskussjonijiet u l-bini ta’ għarfien espert u skambju reċiproku fost il-komunità tal-interpreti u ma’ partijiet ikkonċernati oħra.

Għal min hi

Il-pjattaforma hija maħsuba għal kull min hu involut fl-oqsma tal-interpretazzjoni tas-servizz pubbliku u l-interpretazzjoni legali - l-interpreti, l-istudenti, l-għalliema, it-trainers, ir-riċerkaturi, kif ukoll l-organizzazzjonijiet professjonali, l-istituzzjonijiet li jipprovdu l-korsijiet u l-awtoritajiet pubbliċi.

Kif taħdem

Il-pjattaforma tinqasam f’ambjenti simili; wieħed għal kull tip differenti ta’ interpretazzjoni. Għal kull ambjent, il-parteċipanti huma mistiedna jgħinu jikkompletaw l-informazzjoni dwar il-partijiet ikkonċernati, ir-regolamentazzjoni u l-prattiki.

Barra minn hekk, l-utenti jistgħu jistabbilixxu komunitajiet biex jiddiskutu suġġetti tal-għażla tagħhom u jipproponu kontribuzzjonijiet għal pubblikazzjoni marbuta maż-żewġ suġġetti. Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jvarjaw minn studji akkademiċi pertinenti għal stejjer ta’ suċċess jew links oħra meqjusa ta’ interess hawnhekk u jistgħu jiġu pprovduti bi kwalunkwe lingwa. Ir-rilevanza tal-pjattaforma se tiddependi fuq l-utenti tagħha.

Give feedback on this page

mandatory field