Skip to main content
Knowledge Centre on Interpretation

Interpretar tal-lingwa tas-sinjali tal-konferenzi

Interpretazzjoni minn u lejn il-lingwi tas-sinjali f’kuntesti tal-konferenzi

Interpretar tal-lingwa tas-sinjali tal-konferenzi

L-interpreti tal-lingwa tas-sinjali jaħdmu bejn lingwa mitkellma u lingwa tas-sinjali jew bejn żewġ lingwi tas-sinjali. L-interpreti tal-lingwa tas-sinjali tal-konferenzi jaħdmu f’timijiet lingwistiċi ta’ tnejn jew aktar, skont it-tul ta’ żmien u l-intensità tal-programm. Huma meħtieġa interpreti addizzjonali tal-lingwa tas-sinjali meta s-servizzi ta’ interpretazzjoni jkunu meħtieġa matul il-waqfiet jew il-parti soċjali tal-programm.

Matul il-konferenza jew l-avveniment, l-interpretu tal-lingwa tas-sinjali huwa ħdejn il-kelliem iħares lejn il-kamra u l-parteċipanti. B'hekk, il-parteċipant trux ikollu dehra tajba tal-kelliem, tal-preżentazzjoni u tal-interpretu.

 

L-interpreti tal-lingwa tas-sinjali li jaħdmu f’tim ibiddlu lil xulxin bejn wieħed u ieħor kull 15-il minuta. L-interpretu li jkun qed jipproduċi l-interpretazzjoni jkun appoġġjat mit-tieni interpretu. L-appoġġ jikkonsisti pereżempju fil-konferma tal-preċiżjoni tal-interpretazzjoni, l-iċċekkjar għal nuqqas ta’ ftehim jew ommissjonijiet, u l-għoti ta’ informazzjoni addizzjonali jew lingwistika li l-interpretu ma kienx konxju jew ma setax jara jew jisma’.

L-interpretu tal-lingwa tas-sinjali jipprovdi interpretazzjoni minn lingwa mitkellma għal lingwa tas-sinjali, pereżempju mil-Lingwa Franċiża għal-Lingwa tas-Sinjali Franċiża, u viċe versa minn lingwa tas-sinjali għal lingwa mitkellma, pereżempju mil-Lingwa tas-Sinjali Ġermaniża għall-Ġermaniż. L-interpretazzjoni tista’ tingħata wkoll bejn żewġ lingwi tas-sinjali.

 

 

Minħabba l-globalizzazzjoni dejjem tiżdied, l-interpreti tal-lingwa tas-sinjali tal-konferenzi jaħdmu ta’ spiss b’lingwa addizzjonali ma’ dik li fiha huma mħarrġa oriġinarjament. Pereżempju, interpretu li oriġinarjament hu mħarreġ bil-Lingwi tas-Sinjali Ingliża u Franċiża jista’ aktar tard jaħdem bil-Lingwa tas-Sinjali Olandiża.

F’avvenimenti fil-livell internazzjonali u Ewropew hemm żieda fl-użu tas-servizzi ta’ interpretazzjoni Internazzjonali tas-Sinjali. Dan huwa speċjalment il-każ meta jkun hemm utenti multipli ta’ lingwi tas-sinjali differenti li jkunu qed jipparteċipaw. L-interpreti tas-Sinjali Internazzjonali għandhom sett ta’ ħiliet u profil speċjali.

F’dan ir-rigward, jista’ jkun interessanti li tisma’ din il-kontribuzzjoni miċ-ċelebrazzjoni tal-100 sena ta’ Interpretar tal-Konferenzi f’Ġinevra, 2019.

Qabel ma jiġu bbukkjati l-interpreti, hu importanti li lil dawk li għandhom bżonn is-servizz ta’ interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali dejjem jistaqsuhom liema lingwa tas-sinjali jifhmu u jixtiequ li ssir il-komunikazzjoni fiha. Imbagħad l-interpreti jistgħu jiġu bbukkjati skont dawn ir-rekwiżiti u l-ħiliet tagħhom.

Għal parteċipazzjoni b’suċċess u ugwali tal-persuni kollha li qed jipparteċipaw fl-avveniment, jeħtieġ li jintlaħqu diversi rekwiżiti. Parti importanti hi li l-programm, l-iskedar u l-kontenut tal-avveniment jingħata lill-interpreti tal-lingwa tas-sinjali. L-interpreti tal-lingwa tas-sinjali jeħtieġu l-istess materjal ta’ tħejjija għall-konferenzi bħall-interpreti tal-lingwa mitkellma. Il-materjali stampati jew diġitali għandhom jiġu pprovduti kemm jista’ jkun malajr, peress li l-interpretu ma jkunx jista’ jaqra u jagħmel is-sinjali fl-istess ħin. Għalhekk jeħtieġ li l-interpreti tal-lingwa tas-sinjali jkollhom il-ħin ta’ preparazzjoni biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-kontenut.

Għal rekwiżiti tekniċi addizzjonali u t-tqegħid tal-interpretu, pereżempju, biex tiffaċilita x-xandira fuq l-internet tal-interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali, jekk jogħġbok ikkonsulta l-linji gwida tal-AIIC.

Linji gwida tal-AIIC għall-ippożizzjonar tal-interpreti tal-lingwa tas-sinjali tal-konferenzi, inkluż ix-xandir fuq l-internet

Linji gwida tal-AIIC għall-interpreti tal-lingwa mitkellma li jaħdmu f’timijiet imħallta

Linji gwida tal-AIIC għall-inġiniera tal-ħoss meta l-interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali u tal-lingwa mitkellma tal-konferenza jaħdmu fl-istess tim

Ġbarna wkoll xi informazzjoni dwar l-interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali fis-servizz pubbliku u f’kuntesti legali.

Assoċjazzjonijiet Professjonali

EFSLI - Forum Ewropew tal-Interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali

EFSLI hija organizzazzjoni Ewropea mmexxija mill-Interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali li tikkonsisti f’assoċjazzjonijiet nazzjonali u reġjonali, membri individwali u membri assoċjati.
 

WASLI - Forum Ewropew tal-Interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali

WASLI jlaqqa’ flimkien interpreti tal-lingwa tas-sinjali minn ħafna reġjuni differenti tad-dinja. L-għan tiegħu huwa l-avvanz tal-professjoni tal-interpretar mil-lingwa tas-sinjali madwar id-dinja. L-individwi jistgħu jsiru membri jew jistgħu jissieħbu permezz ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali eżistenti.

Avvenimenti

Fis-26 ta’ Jannar 2021, seħħ l-avveniment tal-għeluq online tal-iskema ta’ mentoraġġ tas-Sinjali Internazzjonali. L-avveniment bl-isem ta’ “L-Aċċessibbiltà permezz tal-interpretar bil-lingwa tas-sinjali”, kien irreġistrat, u jekk ma kellikx iċ-ċans issegwih meta sar jew tixtieq terġa’ tarah, ir-reġistrazzjoni hi disponibbli f’dan il-link. Saru preżentazzjonijiet minn rappreżentanti mill-Kummissjoni, l-Unjoni Ewropea tat-Torox (EUD) u l-fergħa taż-Żgħażagħ tagħha (EUDY) u l-interpreti tal-lingwa tas-sinjali. Hawn taħt tista’ tiddawnlowdja l-aġenda u l-preżentazzjonijiet rispettivi tagħhom. Dan il-video ntwera waqt l-avveniment minn Sandra Schügerl, traduttriċi u interpretu ta’ testi u videos.

 

 

 

 

 

 

Give feedback on this page

mandatory field