Skip to main content
Knowledge Centre on Interpretation

Interpretazzjoni konsekuttiva

Xi tkun l-interpretazzjoni konsekuttiva ? X'tinvolvi?

Interpretazzjoni konsekuttiva

Din hija deskrizzjoni qasira ħafna tal-interpretazzjoni konsekuttiva għal min għadu qed jibda jiskopri s-suġġett, u ma tippretendix li tkopri kollox. Hemm numru kbir ta’ kotba li nkitbu dwar l-interpretazzjoni konsekuttiva b’mod ġenerali u dwar it-teħid ta’ noti b’mod speċifiku, fejn tista’ ssib informazzjoni aktar dettaljata.

L-interpretazzjoni konsekuttiva hija mod ta’ interpretazzjoni li fiha l-kelliem jagħmel diskors (jew jgħid xi ftit sentenzi) filwaqt li l-interpretu jieħu n-noti. L-interpretu mbagħad jirriproduċi dak li jkun qal il-kelliem għall-udjenza. Normalment huwa jkun bilwieqfa jew bilqiegħda qrib il-kelliem, juża pinna u karti biex jieħu n-noti u juża l-mikrofonu (jekk ikun hemm wieħed) biss meta l-kelliem ikun spiċċa u jkun imissu hu biex jitkellem.

Sabiex tkun interpretu konsekuttiv tajjeb għandek tkun kapaċi tisma’ b’mod attiv ħafna, tanalizza dak li qed jgħid il-kelliem, tieħu noti utli li se jgħinuk tiftakar id-diskors int u terġa’ tagħmlu, u mbagħad tkun kapaċi tagħti d-diskors daqslikieku kien tiegħek stess fil-lingwa attiva tiegħek.

It-tliet azzjonijiet ewlenin huma:

1) isma’ b’mod attiv (ifhem)

2) analizza (ħu noti strutturati)

3) irriproduċi (ikkomunika)

Huma involuti għadd ta’ ħiliet differenti – lil hinn mill-fehim tal-lingwa passiva/barranija.

Interpretu konsekuttiv l-ewwelnett irid jitgħallem l-ewwel pass - “isma’ b’mod attiv”. Dan jista’ jinstema’ faċli ħafna iżda l-interpreti jisimgħu b’mod differenti ħafna minn nies oħra (il-psikoanalista għandu wkoll mod speċjali biex jisma’ n-nies) – peress li l-iskop tas-smigħ huwa differenti. L-interpreti mhux qed jisimgħu biex jirreaġixxu jew jieħdu sehem fil-konverżazzjoni, qed jisimgħu biex ikunu jistgħu jiftakru u jirriproduċu b’mod preċiż u fedelment b’lingwa oħra dak li ntqal (u l-psikoanalisti qed joqogħdu attenti għal indizji dwar l-istat mentali tal-pazjent tagħhom).

Sabiex jitgħallmu din il-ħila speċjali, l-interpreti l-ewwel jiġu mgħallma kif ikunu kapaċi jirriproduċu diskors mingħajr ma jieħdu noti. Fir-Repożitorju tad-Diskorsi hemm għadd ta’ eżempji ta’ dan it-tip ta’ diskorsi taħt il-kategorija bażika u ta’ min għadu jibda. Huwa biss ladarba tkun inkisbet din il-ħila li l-interpreti jgħaddu għat-teħid tan-noti.

It-teħid tan-noti hu t-tieni fażi - “analizza” - din teħtieġ l-abbiltà li tipprijoritizza l-informazzjoni u tiddisingwixxi bejn informazzjoni primarja u dik sekondarja, biex tkun tista’ tieħu noti ċari dwar min qal xhiex, fejn ġara xi ħaġa (min, x’ġara, meta, fejn, kif), l-opinjoni tal-kelliem u affarijiet oħrajn. Fuq il-paġna tal-videos tas-SCICtrain hemm kapitlu sħiħ iddedikat għall-interpretazzjoni konsekuttiva. Is-sit web tal-ORCIT għandu moduli dwar l-interpretazzjoni konsekuttiva u xi materjal ta’ taħriġ  tad-DĠ Interpretazzjoni hu wkoll disponibbli fuq din il-pjattaforma.

Fit-tielet u l-aħħar fażi “irriproduċi” dak li smajt teħtieġ għal darb’oħra numru ta’ ħiliet differenti – il-kapaċità li taċċessa l-memorja għal żmien qasir, tifhem in-noti tiegħek, tikkomunika b’mod li jinvolvi lis-semmiegħ biex insemmu xi wħud minn dawn il-ħiliet. Il-ġestjoni tal-istress u l-kura tal-vuċi huma parti importanti minn dan ukoll.

Jeħtieġ li wieħed jitgħallem kull waħda minn dawn il-ħiliet differenti. M’intix interpretu sempliċement għax taf titkellem aktar minn lingwa waħda; hija ħafna iktar kumplessa minn hekk. Hemm għadd kbir ta’ universitajiet li joffru korsijiet fl-interpretazzjoni tal-konferenzi.

Give feedback on this page

mandatory field