Skip to main content
Knowledge Centre on Interpretation

Interpretazzjoni legali - Definizzjoni u kuntest

X’inhi l-interpretazzjoni legali, u xi tfisser f’dan il-kuntest?

Definizzjoni

“L-interpretazzjoni legali hi fergħa tal-interpretazzjoni li ssir meta l-kelliema ta’ lingwi differenti jkollhom jikkomunikaw f’ambjenti legali jew paralegali. Kull sistema ġuridika għandha l-proċeduri ġudizzjarji, il-kunċetti legali, u t-termini uniċi tagħha li xi kultant ma jkollhomx ekwivalenti f’lingwi oħrajn. Din l-assimetrija kulturali tas-sistemi legali toħloq diffikultajiet sostanzjali ta’ interpretazzjoni. Sabiex tiġi interpretata b’mod kompetenti, l-interpreti tal-qorti jridu jkunu midħla sew tat-terminoloġija legali. Ir-rwol tal-interpretu tal-qorti hu li jagħmel il-komunikazzjoni possibbli bejn il-kelliema ta’ lingwi differenti. Interpretu tal-qorti għandu responsabbiltajiet etiċi li jrid jissodisfa. L-isfidi għall-interpretazzjoni fl-awla tal-qorti jinkludu nuqqas ta’ dizzjunarji legali bilingwi, ostakli għal influwenza pragmatika eċċ. L-interpreti tal-qorti jirrikjedu taħriġ, kemm fil-ħiliet tal-interpretazzjoni kif ukoll fl-interpretazzjoni tal-qorti. L-interpretazzjoni effettiva tal-qorti tista’ tinkiseb biss permezz tal-professjonalizzazzjoni tal-interpreti permezz ta’ edukazzjoni obbligatorja, kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, u remunerazzjoni professjonali għal djalogu multilingwali effettiv.”

Sors: Stern L, 2011, “Courtroom interpreting”, fl-edizzjonijiet tal-The Oxford Handbook of Translation Studies. K. Malmkjaer u K. Windle. Oxford University Press, Oxford, UK, pp. 325-342.

Għall-fini ta’ dan iċ-Ċentru ta’ Għarfien, meta nitkellmu dwar interpretazzjoni legali qed nirreferu għall-interpretazzjoni pprovduta fi stadji varji tal-proċess legali. Din tippermetti djalogu ċar bejn il-parti implikata u l-awtorità legali jew konsulent, billi toffri komunikazzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet permezz ta’ interpretu wieħed.

Kuntest

Tliet direttivi tal-UE ta’ spiss jissemmew fil-kuntest ta’ interpretazzjoni “legali” li tindirizza d-dritt għall-interpretazzjoni f’ambjenti speċifiċi, iżda ma jindirizzawx kif titwassal l-interpretazzjoni: id-Direttiva 2010/64/UE dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali u d-Direttiva 2012/13/UE u d-Direttiva 2012/29/UE li tispjega l-kundizzjonijiet għall-eżerċitar tad-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni. Jekk jogħġbok innota li t-traspożizzjoni tad-direttivi msemmija hawn fuq u tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-pjattaforma attwali hi maħsuba biss biex toffri spazju lill-partijiet ikkonċernati fl-iskambju tagħhom ta’ (l-aħjar) prattiki rigward aspetti differenti marbuta mal-kwalità tal-interpretazzjoni f’ambjenti legali.

Ikkontribwixxi

It-taqsima tal-interpretazzjoni legali taċ-Ċentru ta’ Għarfien għandha titqies bħala post fejn jiltaqa’ kull min hu involut fl-interpretazzjoni legali - interpreti, studenti, għalliema, riċerkaturi, organizzazzjonijiet professjonali u awtoritajiet biex jaqsmu informazzjoni jew l-aħjar prattiki dwar aspetti marbuta mal-kwalità tal-interpretazzjoni legali. Dawn jistgħu jappartienu, pereżempju, għal organizzazzjonijiet professjonali eżistenti ta’ interpreti legali, għal opportunitajiet ta’ taħriġ disponibbli għall-interpreti legali jew għal reġistri ta’ interpreti kwalifikati.

 

Inti parti minn organizzazzjoni professjonali ta’ interpreti legali? Jekk jogħġbok għinna nżidu mal-informazzjoni billi tuża l-formola ta’ kontribuzzjoni, biex l-għarfien ikun jista’ jinqasam u jintuża aktar!

 

Biex tingħaqad jew toħloq komunità, jekk jogħġbok mur fl-Ispazju Kollaborattiv - Komunitajiet