Definizzjoni
L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Interpreti tal-Konferenzi (AIIC) tiddefinixxi l-interpretazzjoni bħala prattika li twassal it-tifsira tal-messaġġ ta’ kelliem bil-fomm u b’lingwa oħra għal semmiegħa li kieku ma kinux jifhmu. L-interpretazzjoni tal-konferenzi ssir f’laqgħat multilingwi bejn pereżempju, rappreżentanti tal-gvernijiet nazzjonali, organizzazzjonijiet internazzjonali jew organizzazzjonijiet mhux governattivi, biex insemmu biss xi ftit minnhom.
Fil-Kummissjoni Ewropea, l-interpreti tal-konferenzi jistgħu jkunu membri tal-istaff jew interpreti freelance, u jistgħu jaħdmu jew għall-Kummissjoni, għall-Kunsill tal-Ministri, għall-Kunsill Ewropew, għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, għall-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll għall-aġenziji Ewropej varji. Il-biċċa l-kbira tax-xogħol isir fi Brussell, iżda jkun hemm ukoll għadd sabiħ ta’ “missjonijiet” li jakkumpanjaw lil ministri jew uffiċjali għal laqgħat barra l-pajjiż.
Ħiliet ta’ interpretazzjoni
Liema ħiliet għandu bżonn interpretu? L-interpreti jridu jkunu jafu sew il-lingwa materna u jifhmu b’mod eċċellenti ta’ mill-inqas żewġ jew tliet lingwi oħra. Barra minn hekk, l-interpreti jeħtieġu wkoll ħafna ħiliet u kwalitajiet oħra, bħall-ħila li jiġi analizzat messaġġ malajr u li dan jiġi kkomunikat tajjeb. Dawn għandhom ikunu wkoll reżiljenti, kapaċi jlaħħqu ma’ pressjoni u stress u jkunu kurjużi mingħajr limitu - interpreti jistgħu jitqiegħdu f’laqgħa ta’ kwalunkwe suġġett. Id-DĠ Interpretazzjoni pproduċa għadd ta’ videos li jippruvaw jispjegaw eżattament x’inhi l-interpretazzjoni u x’għandek bżonn biex tkun interpretu ta’ suċċess.
Hemm żewġ tipi ewlenin ta’ interpretazzjoni pprattikati fl-istituzzjonijiet Ewropej, jiġifieri l-interpretazzjoni konżekuttiva, li għandha t-tendenza li ssir f’ambjenti iżgħar, u fejn l-interpretu jieħu n-noti.
u l-interpretazzjoni simultanja, meta l-interpreti jkunu bilqiegħda fil-kabini fejn ikunu qed jaħdmu f’ħin reali. Il-biċċa l-kbira tax-xogħol isir b’dan il-mod.
L-istituzzjonijiet Ewropej jagħmlu wkoll webstream ta’ xi proċedimenti u tista’ tisma’ interpreti qegħdin jaħdmu:
Kif tista’ ssir interpretu tal-konferenzi
Kif intqal hawn fuq, hemm għadd ta’ ħiliet u kwalitajiet li huma meħtieġa biex wieħed isir interpretu ta’ suċċess. Dawn huma ħiliet u kwalitajiet li jistgħu jiġu akkwistati. Barra minn hekk, hemm ħafna korsijiet postuniversitarji fl-interpretazzjoni tal-konferenzi disponibbli fl-universitajiet fl-Ewropa u lil hinn minnha.
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew jikkollaboraw mill-qrib mal-konsorzju tal-European Masters in Conference Interpreting, li jiġbor flimkien il-programmi postuniversitarji fl-interpretazzjoni tal-konferenzi li jaderixxu ma’ ċerti standards.
Reklutaġġ fl-UE
Tista’ taħdem bħala freelancer u interpretu tal-istaff għall-istituzzjonijiet tal-UE.